Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri.
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 (ir-Regolament Brussell IIb) issostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (ir-Regolament Brussell IIa) mill-1 ta’ Awwissu 2022. Dan ir-Regolament il-ġdid japplika biss għal proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi formalment imfassla jew irreġistrati, u għal soluzzjonijiet bil-qorti approvati jew konklużi, fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri fl-1 ta’ Awwissu 2022 jew wara.
Ir-Regolament Brussell IIa jibqa’ japplika għal sentenzi mogħtija fi proċedimenti ġudizzjarji istitwiti, għal strumenti awtentiċi mfassla jew irreġistrati formalment u għal soluzzjonijiet bil-qorti approvati jew konklużi qabel l-1 ta’ Awwissu 2022 li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Informazzjoni addizzjonali dwar ir-Regolament Brussell IIa: notifiki u formoli online.
Ir-Regolament Brussell IIb japplika bejn l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.
Ir-Regolament Brussell IIb jiddetermina l-qrati ta’ liema Stat Membru għandu ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jew kwistjonijiet matrimonjali, fejn hemm element internazzjonali.
Dan jipprevedi wkoll li deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali. Id-deċiżjonijiet kollha mogħtija fi Stat Membru dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u eżegwibbli hemmhekk għandhom jiġu eżegwiti fi Stati Membri oħra mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà u(“exequatur”).
Barra minn hekk, din tikkomplementa u ssaħħaħ il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tispeċifika regoli dwar il-kooperazzjoni f’każijiet ta’ ħtif ta’ minuri mill-ġenituri li jseħħ bejn l-Istati Membri.
Kull Stat Membru għandu jinnomina mill-inqas Awtorità Ċentrali waħda biex tassisti fl-applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIb.
Ir-Regolament Brussell IIb jipprevedi disa’ formoli standard. In-notifiki magħmula mill-Istati Membri dwar ir-Regolament Brussell IIb jistgħu jinstabu hawnhekk.