PROĊEDURA EWROPEA GĦAL TALBIET ŻGĦAR
(L-Artikolu 5(2) u 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar)
INFORMAZZJONI IMPORTANTI U LINJI GWIDA GĦALL-KONVENUT
Ġiet preżentata kontrik talba kif tidher fil-formola tat-talba mehmuża taħt il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.
Tista’ twieġeb billi timla l-Parti II ta’ din il-formola u tirritornaha lill-qorti/lit-tribunal, jew bi kwalunkwe mod adegwat ieħor fi żmien 30 jum wara li tkun ġejt notifikat bil-formola tat-talba flimkien mal-formola ta’ risposta.
Innota li jekk ma tweġibx fi żmien 30 jum, il-qorti/it-tribunal tagħti/jagħti sentenza.
Kun żgur li tikteb ismek b’mod ċar, li tiffirma u tniżżel id-data fl-aħħar tal-formola ta’ risposta.
Jinħtieg li taqra wkoll il-linji gwida inklużi fil-formola tat-talba, dawn jistgħu jgħinuk tipprepara t-tweġiba tiegħek.
Assistenza fil-mili tal-formola
Inti tista' tibbenefika minn assistenza biex timla din il-formola. Biex issir taf kif tista' tikseb l-assistenza tista' tirreferi għall-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u ppubblikata fis-sit web tal-Atlas Ġudizzjarju Ewropew f'materji ċivili u kummerċjali, li huwa disponibbli fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika https://e-justice.europa.eu/content_small_claims-354-mt.do. Innota li din l-assistenza ma tinkludix għajnuna legali, li għaliha trid issir talba xierqa skont il-liġi nazzjonali; lanqas ma tinkludi valutazzjoni legali tal-kawża tiegħek.
Lingwa: InstructionsTimla din il-formola bil-lingwa tal-qorti/tat-tribunal li lilha jew lilu qed tagħmel it-talba tiegħek. Innota li l-formola hija disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika https://e-justice.europa.eu/content_small_claims_forms-177-mt.do. Din tista' tgħinek sabiex timla l-formola fil-lingwa meħtieġa.
Smigħ
Innota li l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar hija proċedura bil-miktub. Madankollu, il-qorti tista’ tiddeċiedi li jkun hemm smigħ jekk tqis li mhuwiex possibbli li tagħti sentenza abbażi ta’ provi dokumentari. Tista’ titlob, f’din il-formola jew fi stadju ulterjuri, li jsir smigħ. Il-qorti tista’ tiċħad it-talba tiegħek jekk tikkunsidra li, fir-rigward taċ-ċirkostanzi tal-każ, smigħ ma huwiex meħtieġ għat-tmexxija ġusta tal-proċedimenti. Is-smigħ għandu jsir permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod adattati, bħal vidjokonferenza jew telekonferenza, sakemm dawn ikunu disponibbli għall-qorti. Jekk il-persuna li għandha tinstema’ tkun domiċiljata fi Stat Membru ieħor minn dak tal-qorti invokata, is-smigħ għandu jsir permezz ta’ teknoloġija ta’ komunikazzjoni mill-bogħod bil-użu tal-proċeduri previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 (https://e-justice.europa.eu/content_taking_of_evidence-76-mt.do).
Madankollu, il-qorti tista’ tiddeċiedi li l-persuni mħarrka għas-smigħ iridu jkunu fiżikament preżenti. Tista’ tindika l-preferenzi tiegħek quddiem il-qorti, filwaqt li żżomm f’moħħok li jekk tintalab li tkun fiżikament preżenti waqt is-smigħ, l-irkupru ta’ kwalunkwe spejjeż imġarrba biex tkun fiżikament preżenti fis-smigħ, fuq talba ta’ dik il-parti, huwa soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Dan l-Artikolu jistipula li l-qorti ma għandhiex taġġudika spejjeż lill-parti rebbieħa li jkunu saru bla bżonn jew li jkunu sproporzjonati għat-talba.
Dokumenti ta' sostenn: Tista’ tindika mezzi possibbli ta’ prova, u żżid, fejn ikun il-każ, dokumenti ta’ sostenn.
Il-Kontrotalba: Jekk trid tagħmel talba kontra l-attur (kontrotalba), jinħtieg li timla u tehmeż Formola A separata, li int tista’ ssib fuq l-Internet fil-Portal Ewropew tal-e-Ġustizzja https://e-justice.europa.eu/content_small_claims_forms-177-mt.do jew li tista’ takkwistaha mill-qorti/mit-tribunal li bagħtitlek/bagħatlek din il-formola. Innota li għall-finijiet tal-kontrotalba, inti tkun meqjus bħala l-attur.
II-Korrezzjoni tad-dettalji tiegħek: Tista' wkoll tikkorreġi jew iżżid informazzjoni dwarek stess (pereżempju dettalji ta' kuntatt, rappreżentant eċċ.) fit-taqsima 8 "informazzjoni oħra."
In-notifika u l-komunikazzjoni ta’ dokumenti mal-qorti:Dokumenti proċedurali, bħat-tweġiba tiegħek u s-sentenza tista’ tiġi nnotifikata lill-partijiet bil-posta jew b’mezzi elettroniċi, jekk dawn il-mezzi huma teknikament disponibbli u aċċettabbli għall-qorti skont il-liġi proċedurali tal-Istat Membru li fih tkun qed titmexxa l-proċedura. Jekk id-dokumenti għandhom jiġu nnotifikati fi Stat Membru ieħor minbarra dak li fih tkun qed titmexxa l-proċedura, ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru fejn in-notifika iseħħ għandhom jiġu osservati wkoll. Il-mezzi elettroniċi jistgħu jintużaw ukoll għal komunikazzjonijiet oħra bil-miktub (pereżempju talba biex tattendi seduta tal-qorti). Mezzi elettroniċi jistgħu jintużaw biss jekk id-destinatarju jagħti l-kunsens espliċitu minn qabel biex jintużaw, jew jekk huwa stess jkun legalment obbligat mill-qorti li jaċċetta n-notifika elettronika u / jew komunikazzjoni oħra bil-miktub, f’konformità mar-regoli proċedurali tal-Istat Membru li fih id-destinatarju jkun domiċiljat. Biex tara jekk humiex disponibbli u aċċettabbli l-mezzi elettroniċi għan-notifika u/jew għall-komunikazzjoni fl-Istati Membri rilevanti, ivverifika l-informazzjoni fil-portal Ewropew tal-e-Ġustizzja:
https://e-justice.europa.eu/content_small_claims-354-en.do?clang=en
Żieda fl-ispazju: Jekk ma jkunx hemm spazju biżżejjed, tista’ żżid paġni oħrajn.